EURid hija kumpanija mingħajr skop ta’ qligħ, irreġistrata fil-Belġju u strutturata bħala organizzazzjoni ta’ sħubija. L-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħna jiddeskrivu kif hija rregolata l-organizzazzjoni tagħna.
L-istrutturi ta’ governanza tal-prinċipju tal-EURid huma l-membri tagħha rrappreżentati fil-Kumitat Strateġiku. Il-membri jeleġġu l-Bord tad-Diretturi, li min-naħa tiegħu jissorvelja t-tim tal-maniġment tal-EURid u l-operazzjonijiet tiegħu.
Il-Kummissjoni Ewropea ħatret lil EURid biex timmaniġġja d-dominju tal-ogħla livell .eu u l-varjanti tiegħu f’lingwi oħra fl-2003 u għal darb’oħra fl-2013. Aspetti ewlenin tar-regoli dwar il-governanza u l-politika pubblika tagħha huma stabbiliti f’leġiżlazzjoni primarja (l-aktar riċenti, ir-Regolament 2019/517), li hija ssorveljata mill-qrib mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa aħħarija li tiddefinixxi prinċipji għall-implimentazzjoni tat-TLD .eu (inkluż l-istabbiliment ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ dominju .eu), id-deżinjazzjoni tar-reġistru, u s-sorveljanza tar-reġistru.
Sħubija
Kwalunkwe organizzazzjoni mhux kummerċjali b’interess tal-partijiet interessati pan-Ewropej fl-Internet tista’ ssir membru tal-EURid.
Il-membri attwali jinkludu Euroconsumers, Business Europe, eCommerce Europe, SME united, Interactive Advertising Bureau, ECTA, il-Kunsill tas-Soċjetajiet tal-Informatika Professjonali Ewropej (CEPIS), u diversi reġistri ta’ ismijiet ta’ dominju Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ.
Flimkien, il-membri jiffurmaw l-Assemblea Ġenerali tal-EURid. L-Assemblea Ġenerali teżerċità r-responsabbiltajiet ta’ governanza korporattiva tas-soltu, inkluża s-setgħa li jaħtru u jkeċċu diretturi tal-bord, inklużi l-President u l-viċi-President kif ukoll l-awdituri tal-kumpanija. Kull membru għandu vot wieħed fl-assemblea ġenerali.
Il-Bord jista’ jaħtar sa tliet membri indipendenti.
Bord tad’ Diretturi
Il-Bord tad’ Diretturi huwa l-korp li għandu r-responsabbiltà legali aħħarija għall-EURid. Il-Bord jikkonsisti minn minimu ta’ tliet diretturi individwali, u massimu ta’ seba’ diretturi. Il-Bord jista’ jkollu massimu ta’ żewġ membri indipendenti.
Il-Bord jaħtar il-President u l-viċi President tal-EURid fost il-membri tiegħu.
Il-Maniġer Ġenerali mhuwiex membru tal-Bord, iżda jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord flimkien ma’ membri oħra tat-tim tal-maniġment kif meħtieġ.
Id-diretturi tal-bord jintgħażlu mis-sħubija tal-EURid. Kull membru jista’ jinnomina kandidat wieħed mill-organizzazzjoni tiegħu stess. Il-mandat ta’ direttur tal-bord huwa għal terminu li jiġġedded ta’ mhux aktar minn erba’ snin.
Il-bord jiltaqa’ tal-anqas erba’ darbiet f’sena, u għandu politiki stabbiliti biex jiġu mmaniġġjati kunflitti ta’ interess, governanza korporattiva u kunfidenzjalità.
Ikkonsulta l-aħħar punti ewlenin tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi.
Kumitat Strateġiku
Il-Kumitat Strateġiku huwa grupp ta’ diversi partijiet interessati li jagħti pariri lill-Bord u lit-tim tal-maniġment dwar kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-immaniġġjar, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tat-TLD .eu, inklużi kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data.
Jipprovdi wkoll parir dwar il-politiki tiegħu u l-promozzjoni b’suċċess ta’ valuri Ewropej. Il-Kumitat huwa magħmul mill-Bord, il-membri u partijiet interessati indipendenti.
Il-Kumitat Strateġiku jinkludi rappreżentant wieħed ta’ kull membru, u massimu ta’ tliet kandidati indipendenti. Il-membri tal-bord isiru awtomatikament membri tal-Kumitat Strateġiku.
Sandra Hoferichter hija s-Segretarja Ġenerali tal-European Dialogue on Internet Governance (EuroDIG - Djalogu Ewropew dwar il-Governanza tal-Internet), l- IGF Ewropej. Bħala membru tal-bord ta’ Medienstadt Leipzig e.V., organizzazzjoni Ġermaniża mingħajr skop ta’ qligħ, hi saret involuta fi kwistjonijiet ta’ Governanza tal-Internet fl-2006 billi kkoordinat, fost affarijiet oħra, il-European Summer School on Internet Governance (EuroSSIG), ICANN Studienkreis u laqgħat ta’ esperti dwar Internet of Things. Sandra għanda lawrja fl-Arkitettura mill-Università ta’ Leipzig tax-Xjenzi Applikati (HTWK) u kienet qed taħdem bħala Perit għal rasha mill-1997‐2011.
Sa minn Ottubru 2009 f’BusinessEurope, Pedro Oliveira huwa d-Direttur għall-Affarijiet Legali. Minbarra li jmexxi d-dipartiment, hu jittratta mal-affarijiet tal-konsumatur, l-aċċess għall-ġustizzja, il-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva. Attwalment Pedro qed imexxi wkoll ad interim id-Dipartiment tas-Suq Intern ta’ BusinessEurope li fost affarijiet oħra, jaħdem fuq kwistjonijiet li jvarjaw mill-Ekonomija Diġitali għat-Trasport u r-Regolamentazzjoni Aħjar. Hu kien membru ta’ diversi gruppi ta’ esperti/partijiet ikkonċernati tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim online, id-dritt kuntrattwali Ewropew u l-għodod tat-tqabbil. Qabel ma ngħaqad ma’ BusinessEurope, hu kien jaħdem fil-College of Europe fi Bruges (il-Belġju) bħala riċerkatur legali. Pedro huwa avukat kwalifikat sew li ħadem f’kumpanija legali għal tliet snin f’Lisbona. Hu għandu lawrija fil-liġi minn Universidade Nova de Lisboa. Għandu wkoll żewġ masters: fil-liġi bankarja mill-Universidade de Lisboa; u Master fil-liġi Ewropea minn ULB Brussels. Il-lingwa materna ta’ Pedro huwa l-Portugiż u jitkellem b'mod fluwenti bl-Ingliż, l-Olandiż, l-Ispanjol u l-Franċiż.
Marco Pierani huwa speċjalista fir-relazzjonijet pubbliċi fl-oqsma tat-telekomunikazzjoni, l-internet u l-proprjetà intellettwali. Bħalissa jimmaniġġja l-affarijiet pubbliċi u r-relazzjonijiet mal-midja għall-ikbar grupp tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Ewropa, Euroconsumers. Wara li ħadem bħala avukat fuq liġijiet tal-internet, e-commerce u telekomunikazzjonijiet, huwa serva bħala Kap tal-Affarijiet Pubbliċi għal Altroconsumo, organizzazzjoni bbażata f’Milan, fejn hu mmaniġġja l-uffiċċju tar-relazzjonijiet esterni u istituzzjonali. Fl-2011, huwa sar membru tal-bord tal-organizzazzjoni. Marco għandu lawrja LL.M. fil-Liġi Ewropea tal-Kummerċ b’attenzjoni partikulari fuq il-Liġi Tranżnazzjonali.
Luc Hendrickx ilu Direttur tal-Enterprise Policy u External Relations fi SME United mis-sena 2000. Huwa responsabbli għall-politika tal-SMEs, regolizzazzjoni aħjar, kwistjonijiet legali, suq intern, fajls relatati mal-ICT, iż-żamma tal-kotba, bejgħ, turiżmu u responsabbiltà soċjali korporattiva. Qabel kien membru tal-kabinett tal-Ministru tal-Ambjent u l-Impjiegi tal-Belġju tat-Tramuntanta. Bejn l- 1992 u l-1998 kien professur fil-Flemish Economic High School (VLEKHO) fi Brussell. Huwa beda l-karriera tiegħu fl-1986 bħala bejjiegħ fil-ħanut do-it-yourself ta’ oħtu qabel ma ngħaqad mal-UNIZO, organizzazjoni SME Belġjana, bħala Konsulent Legali fl-1989. Mr Hendrickx għandu lawrja fil-Liġi mill-Università Kattolika ta’ Leuven, diploma mill-Institut Européen des Hautes Etudes Internationales ta’ Nizza u master fi studji Ewropej mill-Universitat Autònoma de Barcelona.
Marco Conti huwa d-direttur tal-Istitut tal-Informatika u t-Telematika (IIT - Institute of Informatics and Telematics) tal-Kunsill ta’ Riċerka Nazzjonali Taljan (CNR - Italian National Research Council) u l-president tar-reġistru .it. Huwa kien il-konsulent xjentifiku tas-CNR għall-qasam tal-ICT u d-direttur tad-dipartiment tas-CNR tal-“Inġinerija, l-ICT u t-Teknoloġiji għall-Enerġija u t-Trasport”, l-akbar dipartiment tas-CNR b’aktar minn 900 riċerkatur. Huwa ppubblika aktar minn 400 artiklu xjentifiku, u ħames kotba, dwar networks tal-kompjuter, l-Internet tal-ġenerazzjoni l-ġdida, networks soċjali u sistemi ġeneralizzati. F’Novembru 2017, huwa ġie inkluż fil-lista tar-“Riċerkaturi Kkwotati l-Aktar tal-2017” ikkompilata mill-Web tax-Xjenza, li tinkludi r-riċerkaturi kkwotati l-aktar fix-Xjenza tal-Kompjuters.
Marie-Emmanuelle Haas hija Prokuratur Franċiża fil-Qorti ta’ Pariġi, b’esperjenza vasta anke fil-Liġi dwar Proprjetà Intellettwali u kwistjonijiet marbuta mal-Internet. San-nofs tal-2016, kienet president tal-kumitat tal-Internet tal-ECTA. Kienet ukoll membru tal-IPC (Intellectual Property Constituency) għall-Generic Names Supporting Organization tal-ICANN fejn kienet tirrappreżenta l-ECTA. Hija panelist għat-tilwim dwar l-ismijiet tad-dominji fiċ-Ċentru tal-Arbitrazzjoni u l-Medjazzjoni WIPO, il-Qorti tal-Arbitrazzjoni Ċeka, iċ-Ċentru tar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Isem tad-Dominji Asjatiku u l-Forum tal-Arbitrazzjoni Nazzjonali. Barra minn hekk, mill-2004, hija għalliema fl-Università ta’ Pariġi I (Panthéon Sorbonne) fejn tgħallem il-litigazzjoni tal-Internet. Marie-Emmanuelle għandha ħafna pubblikazzjonijiet f’isimha u titkellem ħafna drabi f’konferenzi dwar il-Liġi tal-Proprjetà Intellettwali u l-Internet.
Delia Belciu hija avukat, membru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Bukarest u Avukat fil-qasam tat-Trademarks u d-Disinji Ewropej u Rumeni, b’għarfien espert profond f’oqsma ta’ prattika bħall-Proprjetà Intellettwali u l-IT, il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data għal aktar minn 14-il sena. Sa nofs l-2020, kienet il-president tal-kumitat tal-Internet tal-ECTA u membru tal-IPC (Kostitwenza tal-Proprjetà Intellettwali) għall-Organizzazzjoni ta’ Appoġġ tal-Ismijiet Ġeneriċi ta’ ICANN, fejn kienet tirrappreżenta lill-ECTA. Hija sservi bħala membru tal-panel tal-UDPR mal-Qorti Ċeka tal-Arbitraġġ.
Barra minn hekk, Delia ilha, mill-2015, lettur fil-Liġi Internazzjonali u Ewropea dwar il-Proprjetà Intellettwali ma’ studenti tal-masters mill-Collège Juridique Franco-Roumain d’Etudes Européennes, istitut affiljat ma’ Paris I Pantheon Sorbonne, Franza.
L-affiljazzjonijiet professjonali ta’ Delia jinkludu, fost l-oħrajn, l-Assoċjazzjoni tat-Trade Marks tal-Komunitajiet Ewropej (ECTA) fejn hija membru tal-Kunsill tal-ECTA bħala rappreżentat għar-Rumanija.
Delia titkellem f’diversi avvenimenti u tippubblika artikli dwar il-Liġi dwar il-Proprjetà Intelletwali, l-Internet, il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.
Marko Bonac għandu lawrja ta’ Baċellerat tax-Xjenza fil-matematika (1981) u Masters fix-xjenza tal-kompjuters (1988) mill-Università ta’ Ljubljana. Bejn l-1981 u l-1992 huwa ħadem bħala riċerkatur u project leader fil-qasam tan-networks tal-kompjuter. Mill-1992 huwa d-Direttur ta’ Arnes, l-Academic and Research Network of Slovenia, li huwa wkoll r-reġistru għad-dominju tal-ogħla livell tal-Islovenja, .si.
Jakub Christoph huwa s-Segretarju Ġenerali tas-CEPIS u tal-ITPE minn Settembru 2021. Huwa jikkoordina x-xogħol taż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jippromwovi l-professjonaliżmu fl-IT billi jrawwem standards professjonali u l-qsim tal-esperjenzi fost il-professjonisti tal-IT, il-komunità.
Qabel huwa kellu l-kariga ta’ Maniġer tal-Iżvilupp Reġjonali għall-Ewropa u l-MENA fl-ICDL Foundation. Ir-rwol tiegħu involva l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Operaturi tal-ECDL/ICDL, il-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu fl-Ewropa u fir-reġjun MENA.
Huwa promotur b’passjoni għall-ħiliet diġitali tal-utent u l-iżvilupp tal-kompetenzi professjonali. Huwa membru tal-ET2020 Working Group DELTA, li hija l-pjattaforma tal-Kummissjoni Ewropea għad-diskussjoni tal-kompetenza diġitali fl-edukazzjoni.
L-interessi professjonali tiegħu jinkludu l-indirizzar tad-distakk diġitali, soċjali u tal-ġeneru kif ukoll il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni.
Luca Cassetti huwa d-Direttur tal-Affarijiet Pubbliċi tal-UE ta’ Ecommerce Europe, l-assoċjazzjoni Ewropea tal-kummerċ diġitali. Bl-appoġġ tat-tim tal-affarijiet pubbliċi, id-Direttur huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-kwistjonijiet regolatorji li jaffettwaw is-settur tal-kummerċ elettroniku, jagħti pariri lill-assoċjazzjoni fir-rigward tal-isfidi tal-politika u jaġixxi b’mod xieraq fil-livell tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-assoċjazzjoni u mas-Segretarju Ġenerali. Ir-rwol ta’ Luca huwa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-affarijiet pubbliċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-assoċjazzjoni fil-politika pubblika skont kif jirrigwardaw l-UE. Luca għandu għarfien tajjeb tat-Taljan, tal-Franċiż u tal-Ingliż.
Piet Spiessens għandu 30 sena esperjenza fit-telekomunikazzjoni u bħalissa qed jaħdem bħala VP fl-Innovazzjoni u l-Iżvilupp tan-Negozju għal Telenet, operatur tat-telekom Belġjan. Huwa għandu PhD fix-Xjenza tal-Kompjuter mill-Università ta’ Brussell fejn kien ukoll Student tal-Fakultà tal-Inġinerija. Is-Sur Spiessens huwa membru u kien President tal-Bord ta’ DNS Belgium, wieħed mill-membri fundaturi ta’ EURid. Kien ukoll Viċi President ta’ ISPA Belgium u Membru tal-Bord Konsultattiv ta’ FITCE.
Mr Maršálek huwa konsulent tal-IT indipendenti u membru taċ-CZ.NIC collegium, li huwa korp assoċjat maċ-CZ.NIC, ir-reġistru tad-dominju tal-ogħla livell tal-.cz. Qabel kien president taċ-CZ.NIC u d-Direttur Maniġerjali taċ-Czech Neutral Internet eXchange node (NIX.CZ). Wara li ggradwa miċ-Czech Technical University fi Praga b’lawrja masters fix-xjenza elettronika tar-radju, beda l-karriera professjonali tiegħu ma’ AT&T. Is-Sur Marsalek kien ukoll wieħed mill-fundaturi ta’ GTS, l-ikbar operatur telefoniku alternattiv fir-Repubblika Ċeka. Huwa għen ukoll biex jistabbilixxi l-IP network fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant f’isem il-British Telecom.
Franck Thomas huwa inġinier tat-telekomunikazzjoni li sar konsulent politiku ta' Brussell, li jispeċjalizza fir-reklamar diġitali, il-midja soċjali, it-telekomunikazzjoni, u ċ-ċibersigurtà. B'esperjenza prattika fil-Kummissjoni Ewropea f' għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili, Franck iġib taħlita unika ta' għarfien espert tekniku u għarfien politiku. Fl-IAB Europe, huwa jimpenja ruħu mal-aġenda diġitali tal-UE, u jfassal il-politika u r-regolamentazzjoni tar-reklamar diġitali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija li qed jevolvu.
It-Tim tal-Maniġment
It-tim tal-maniġment tal-EURid jikkonsisti minn tmien Maniġers li huma rregolati mill-Bord tal-EURid u li jmexxu t-timijiet Tekniċi, Legali, Finanzjarji u tar-Relazzjonijiet Esterni tal-EURid.
Qabel ma Peter Janssen ngħaqad mal-EURid, kien direttur tekniku għar-reġistru Belga.be. Kien responsabbli għall-liberalizzazjoni ta’ dan id-dominju f’Diċembru 2000. Huwa għandu lawrija fil-livell ta’ master fix-Xjenza tal-Kompjuters mill-Università ta’ Leuven.
Qabel ma ngħaqad mal-EURid f’April 2015, Juan Carlos Munguia Coca ħadem bħala Maniġer tal-Finanzi u tal-Kontabilità f’Intrapriżi Żgħar u Medji u anke intrapriżi kbar bħal Serco Belgium u Carpenter Technology. Għandu lawrja fil-kontabilità.
Hans Seeuws ħa r-rwol ta’ Maniġer tar-Relazzjonijiet Esterni fl-2022, wara li preċedentement ikkonsulta lill-EURid għal 5 snin. Huwa ilu attiv fl-industrija tat-TLD mill-2008 u ħadem kemm mal-operaturi tas-ccTLD kif ukoll dawk tal-gTLD. Huwa għandu sfond fl-operazzjonijiet tan-negozju, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-komunikazzjonijiet. Hans Seeuws għandu Executive MBA mill-ESCP Paris u Baċellerat fil-Ġestjoni tal-Komunikazzjoni.
Geo Van Langenhove ngħaqad mal-EURid bħala Maniġer Legali f’Jannar 2011. Qabel ħadem ma’ kumpaniji f’diversi oqsma teknoloġiċi, pereżempju fi Nuance Communications, EuroFiber u IMEC, fejn ix-xogħol tiegħu kien jiffoka fuq proprjetà intellettwali, kuntratti u litigazzjoni. Huwa ggradwa mill-Universitajiet ta’ Brussell u Leuven, College of Law. Għandu lawrja fil-livell ta’ master avvanzat fid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-Università ta’ Brussel.
Els Verstappen kellha diversi pożizzjonijiet fl-HR ma’ Scarlet, kumpanija tat-telekomunikazzjoni, qabel ma ngħaqdet mal-EURid. Reċentement, bħala Konsulent tan-Negozju tal-HR, kienet responsabbli għas-sapport tal-HR għal-line management, selezzjonijiet u recruitment, fost affarijiet oħra. Qabel ma ħadmet ma’ Scarlet kienet impjegata ma’ KPN Belgium u f’organizzazjoni Ewropea non-governattiva.
Qabel ma ħa r-rwol ta’ Maniġer tas-Sigurtà, Dirk Jumpertz ngħaqad mal-EURid biex jieħu ħsieb l-immaniġġjar ta’ operazzjonijiet u sistemi. Qabel ħadem fl-immanniġġjar tal-IT u kien jagħmel konsulenza f’diversi organizzazjonijiet li jinkludu Scarlet u Atos. Huwa ggradwa mill-Università ta’ West Flanders b’Masters fl-Inġinerija Industrijali.
Jordi Iparraguirre qabel ħadem bħala Maniġer Ġenerali tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li timmaniġġja d-dominju .cat (2006-2013). Qabel dan, kellu diversi rwoli tekniċi u eżekutivi ma’ Hewlett Packard. Għandu lawrija fil-livell ta’ master fix-Xjenza tal-Kompjuters mill-Universitat Autònoma de Barcelona u MBA minn ESADE Business School.
Qabel ma ngħaqad mal-EURid, Nathan Meurrens kien il-Maniġer tal-Arkitettura Diġitali għall-NTT-DATA fil-Belġju. Nathan mexxa trasformazzjonijiet diġitali f’organizzazzjonijiet privati, pubbliċi u mhux governattivi. Barra minn hekk, hu waqqaf u kien is-CTO ta’ start-up tal-iżvilupp tas-software u tas-servizzi Senegaliża. Hu kien ukoll direttur eżekuttiv ta’ fornitur tas-servizz tal-web u tal-internet mingħajr skop ta’ qligħ fil-Belġju.
Bord Konsultattiv tar-Reġistratur
Il-Bord Konsultattiv tar-Reġistratur jagħti pariri lil EURid fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati man-negozju u kwistjonijiet relatati mal-komunità tar-reġistratur tal-EURid. Il-Bord Konsultattiv huwa magħmul minn rappreżentanti minn disa’ reġistraturi akkreditati ta’ EURid minn disa’ pajjiżi differenti, u jiltaqa’ darbtejn fis-sena.
Il-Kumitat taż-Żgħażagħ
Il-Kumitat taż-Żgħażagħ huwa magħmul minn rappreżentanti tal-ġenerazzjoni żagħżugħa kkwalifikati u b’ħiliet kbar li diġà kisbu xi għarfien dwar l-oqfsa ta’ governanza tal-Internet. Megan Richards hija l-Konsulent Għoli tal-Kumitat taż-Żgħażagħ u l-membri huma João Martins, Nadia Tjahja, Stefanie Efstathiou, Charalampos Kyritsis u Paulo Glowacki. Il- karta tal-Kumitat tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-rwol u l-modus operandi tal-Kumitat.