Regoli għad-dominji

Jekk jogħġbok aqra t-Termini u l-Kundizzjonijiet u l-Politika tar-Reġistrazzjoni dwar l-ismijiet tad-dominji taħt estensjonijiet tal-.eu, .ею (kitba Ċirilliku) jew .ευ (kitba Griega). Inti tista’ wkoll taqra iktar dwar ir-regoli tal-UE.

Bidliet fil-kriterji ta' eliġibbiltà 

Ir-Regolament .eu (2019/517) il-ġdid li jemenda u jħassar ir-Regolament 733/2002 u jħassar ir-Regolament 874/2004 se japplika mit-13 ta’ Ottubru 2022; madankollu l-Artikolu 20 għandu japplika mid-19 ta’ Ottubru 2019.

Fit-12 ta’ Ġunju 2020, il-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA) approva l-inkorporazzjoni tar-Regolament .eu l-ġdid fil-Ftehim taż-ŻEE.

Il-pajjiżi kollha taż-ŻEE irratifikaw l-inkorporazzjoni tar-Regolament .eu l-ġdid fil-Ftehim taż-ŻEE, li jfisser li l-kriterji ta’ ċittadinanza huma estiżi għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja mit-2 ta’ Awwissu 2021.

Mit-2 ta’ Awwissu 2021, reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju .eu tista’ tintalab minn wieħed minn dawn li ġejjin:

  • ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein jew, in-Norveġja, indipendenti mill-post ta’ residenza tagħhom;
  • persuna fiżika li mhijiex ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, jew in-Norveġja, imma li hija residenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, jew in-Norveġja;
  • impriża li hija stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, jew in-Norveġja;
  • organizzazzjoni li hija stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, jew in-Norveġja mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Żomm ukoll f’moħħok dawn ir-regoli waqt li tkun qed tiddeċiedi liema isem ta’ dominju tal- .eu tixtieq tirreġistra:

Karattri aċċettati u kombinazzjonijiet

Ismijiet ta’ dominji klassiċi (mhux IDN) jikkonsistu fi:

  • Karattri a sa z
  • In-numri 0 sa 9
  • Il-ħajfin (-)
  • Jistgħu jiġu biss taħt l-estensjoni .eu.
  • Ma jistgħux jibdew jew jispiċċaw bi ħajfin (-).
  • Ma jistax ikollhom ħajfin fit-tielet u r-raba’ pożizzjoni.

Ismijiet ta’ dominji IDN jikkonsistu fi:

  • Numri minn 0 sa 9
  • Ħajfin (-)
  • Karattri tal-Unicode mill-kitba Ċirilliku, Grieg jew Latin. Ikklikkja hawnhekk għal lista sħiħa ta’ karattri b’support.
  • Ma jistgħux jiġu kkumbinati karattri minn kitbiet differenti. Il-karattri kollha tat-tieni livell (il-parti ta’ qabel l-estensjoni) trid tiġi minn kitba waħda. Ismijiet ta’ dominji magħmulin minn karattri Latini jkollhom estensjoni .eu, filwaqt li ismijiet ta’ dominji li huma biss magħmulin minn karatri Ċirilliċi se jkollhom estensjoni .ею u l-ismijiet ta’ dominju magħmulin minn karattri Griegi se jkollhom estensjoni .ευ. In-numri minn 0 sa 9 u l-ħajfin jistgħu jkunu wżati mal-karattri Latini, Ċirilliċi w Griegi kollha.
  • Ma jistgħux jibdew jew jispiċċaw bi ħajfin (-).
  • Ma jistax ikollhom ħajfin fit-tielet u r-raba’ pożizzjoni, ħlief jekk l-ewwel żewġ karattri jkunu “xn” u l-isem ta’ dominju jista’ jiġi konvertit għal IDN validu.

Ismijiet ta’ dominji esklussivament numeriċi:

  • Jikkonsistu biss minn numri 0 sa 9 u l-ħajfin.
  • Jistgħu jkunu rreġistrati taħt il-.eu kif ukoll l-estensjonijiet .ею jew .ευ.

Tul ta’ l-isem u IDNs

L-isem tad-dominju tiegħek irid ikun twil ta’ lanqas żewġ (2) karattri (mingħajr ma jinkludi l-estensjoni .eu jew il-varjanti fi scripts oħra) wara l-konversjoni tal-ittri kbar għal ittri żgħar u wara li saret in-normalizzazzjoni. Jekk trid tirreġistra IDN, applika din ir-regola qabel ma tikkonverti l-isem tiegħek f‘ACE string. Ċerti ismijiet huma kkunsidrati qosra wisq anke jekk huma twal żewġ karattri. Dan huwa għax ċerti kombinazzjonijiet ta’ żewġ karattri jistgħu jkunu wkoll rappresentati minn karattru singolu tal-Unicode.

L-isem tad-dominju tiegħek ma jistax ikun itwal minn 63 il-karattru (mingħajr ma jinkludi l-estensjoni .eu jew il-varjanti tiegħu fi kitbiet oħra) wara l-konverżjoni tal-ittri kapitali għal ittri żgħar u wara li tkun saret in-normalizzazzjoni u wara l-konverżjoni f’ACE string.

 

Data tal-iskadenza ta’ ismijiet ta’ dominji .tal-eu

Mill-15 ta’ Settembru 2014 , ismijiet ta’ dominji rreġistrati ġodda mhux se jiskadu iktar fl-aħħar tax-xahar iżda fl-aħħar tat-terminu tar-reġistrazzjoni tagħhom, li jiġi kkalkulat fi snin u jibda jgħodd mid-data tar- reġistrazzjoni u jvarja minn sena (1) sa għaxar (10) snin. Ismijiet ta’ dominji rreġistrati fid-29 ta’ Frar jiskadu dejjem fit-28 ta’ Frar.

 

Eżempju:

Sitwazzjoni wara l-15 ta’ Settembru 2014 (għal ismijiet ta’ dominju ġodda rreġistrati qabel il-15 ta’ Settembru 2014)
Data ta’ reġistrazzjoni = 15 ta’ Jannar 2015
Data tal-iskadenza = 15 ta’ Jannar 2016 (= 15 ta’ Jannar 2015 + sena)

Ismijiet ibblukkati

Ċerti ismijiet ta’dominji tal- .eu ġew ibblukkati mill-Istati Membri tal-UE jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dan ifisser li ma jistgħux ikunu rreġistrati.

Ħafna kodiċi ta’ pajjiżi b’żewġ ittri, bħal BE għall-Belġju jew DE għall-Ġermanja, ġew ibblukkati wkoll. Tista’ tara l-lista ta’ ismijiet ibblukkati hawnhekk. Il-lista mhijiex kompluta u ma fihiex il-kodiċi ta’ pajjiżi b’żewġ ittri ibblukkati.

Ismijiet Riservati

Numru ta’ ismijiet ta’ dominji tal-.eu ġew riservati għall-użu jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, minn wieħed mill-Istati Membri tal-UE, minn pajjiżi ta’ l-EEA, minn pajjiżi fil-fażi ta’ aċċess fl-UE jew mill-EURid.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall- fuljett tal-informazzjoni tagħna fuq ismijiet riservati u għar-regolamenti tal-KE 1654/2005 u 560/2009. Corrigendum għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 560/2009 tas-26 Ġunju, 2009, li jemenda Regolament (KE) Nru. 874/2004 jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk.

Wara l-introduzzjoni tal-protokoll IDNA2008, il-lista ta’ ismijiet tad-dominju riservati minn Stat Membru ġiet aġġornata u annessa mar-Regolament 516/2015.

EURid irriservat l-ismijiet tad-dominji li ġejjin għall-użu tagħha:

  • eurid.eu
  • registry.eu
  • nic.eu
  • dns.eu
  • internic.eu
  • whois.eu
  • das.eu
  • coc.eu

Jekk hemm organizzazjonijiet jew persuni privati li jixtiequ jirreġistraw isem ta’ dominju riservat, l-Awtorità tar-Reġistrazzjoni Nazzjonali rilevanti tistà tikkunsidra, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li tattiva l-isem tad-dominju riservat għall-applikant. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-proċedura ta’ attivazzjoni għal ismijiet riservati hawnhekk .